Il-Pulizija se tkun qed tressaq lil Matthew Grech il-Qorti akkużat li ppromwova prattiċi ta’ konverżjoni b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali. Dak magħruf aħjar bħala Gay Conversion Therapy.
Ikkonferma dan il-Ministru Byron Camilleri f’kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, fejn qal li l-prattika ta’ gay conversion therapy hi inaċċettabli f’Malta.
Infatti Malta kienet l-ewwel Membru Stat tal-Unjoni Ewropea u fost l-ewwel pajjiżi fid-dinja li għamlet reat kriminali din it-tip ta’ terapija li Grech qed ikun akkużat biha.
Kien l-akkużat innifsu li f’messaġġ irrekordjat qal li se jkun qed jistressaq quddiem il-Qorti Kriminali wara li pparteċipa f’diskussjoni tas-sit Pmnews.
Matthew Grech huwa membru tar-River of Love u pubblikament, għal aktar minn darba qal li huwa kien persuna omosesswali u għax sab lill-Alla ħareġ minnha.
Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook Grech qal li jista’ jeħel multa sa massimu ta €5,000 jew immur il-ħabs għal massimu ta’ 5 xhur.
Iżda huwa saħaq li ruħu tafda f’ Ġesu, sidu s-Salvatur.
Grech jifforma parti mill-Partit ABBA u huwa membru tar-River of Love.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li l-episodji bħal dawn juruna kemm ir-riformi u l-ħidma fl-ugwaljanza għandha ikomplu jissukktaw f’pajjiżna. Sostna wkoll li huwa dritt ta’ kulħadd li jgħix ħajtu fl-orjentazzjoni sesswali li tiddistingwih.
Intant, ġimgħa ilu l-Gvern ħabbar li se jkun qed jipproponi emendi sabiex tissaħħaħ il-liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg kienet qalet li l-emenda tinkludi d-definizzjoni ta’ reklamar u tagħmilha illegali li jsir reklamar biex tħajjar persuni jirċievu servizzi qarrieqa bl-iskop li jippruvaw ibiddlu l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu.