Il-Pulizija ressqet il-Qorti l-akkużat bil-qtil ta’ Caroline Magri, nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Wara li fl-aħħar jiem l-akkużat kien taħt kura psikjatrika, kien rilaxxat fl-aħħar sigħat biex il-Pulizija setgħet tkompli bl-investigazzjoni tagħha.
L-akkużat huwa s-sieħeb tagħha, li nfexx jibki fl-awla u qiegħed jikkomunika permezz ta’ traduttur, peress li jitkellem biss Franċiż.
L-Ispettur Keith Arnaud preżenta taħt arrest lil Djibril Ganiou, ta’ 33 sena, imwieled l-Badou, Togo u li jgħix Tas-Sliema. Huwa kiseb permess biex jgħix l-Italja.
Jinsab akkużat li nhar it-30 ta’ Settembru f’Ta’ Giorni intenzjonalment qatel lil Caroline Magri. Akkużat li kellu armat b’arma tan-nar u sikkina jew arma li taqta’.
L-akkużat wieġeb mhux ħati iżda ma kkontestax għall-ħelsien mill-arrest. Għaldaqstant huwa se jiba’ fil-kustodja tal-Pulizija.