Għal-ħabta tal-ħdax il-pulizija ser tkun qed tressaq persuna akkużata bil-qtil ta’ Charlene Farrugia. Dan wara li l-pulizija fl-aħħar sigħat ġabbret biżżejjed evidenza biex issa tinstab f’qgħada li tressaq persuna akkużata bil-qtil ta’ Charlene Farrugia.
Hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, il-pulizija mhux teskludi li jkunu identifikati iżjed persuni li kellhom x’jaqsmu ma’ dan ir-reat.
Charlene Farrugia kienet ġiet irrapurtata nieqsa fis-6 ta’ Novembru 2008.
Il-Pulizija kienu ġabru għad ta’ filmati u saru checks fl-ajruport u fil-portijiet biex tinstab iżda dan ma kien ħalla l-ebda frott.
Il-pulizija qatt ma eskludiet li dan seta’ jkun każ ta’ omiċidju.
Każijiet bħal dawn qatt ma jintesew u l-investigazzjonijiet intensivi fuq il-każ baqgħu għaddejjin.
Fl-20 ta’ Lulju tal-2019, il-pulizija waslu għal żvilupp fil-każ fejn kienu nstabu l-fdalijiet ta’ Charlene Farrugia fis-Sur tal-Belt.
Is-sena li għaddiet, kien ġie arrestat John Paul Woods li huwa mill-Ingilterra u huwa kien ġie arrestat waqt attentat ta’ hold-up armat b’sikkina, f’ħanut fil-Gżira.
Meta kien qiegħed jinżamm arrestat Woods tkellem dwar l-għibien ta’ Charlene Farrugia u allegatament qal li kien qatilha hu u indika fejn kien hemm il-fdalijiet tagħha.
Il-pulizija sabet il-fdalijiet fis-Sur tal-Belt. L-ewwel riżultati urew li dawn kienu fdalijiet ta’ mara u saru testijiet tad-DNA li kkonfermaw fit-13 ta’ Awissu 2019 li dawn kienu l-fdalijiet ta’ Charlene Farrugia.
L-investigazzjonijiet komplew bla waqfien u nstab li l-allegat delitt seħħ f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Għal-ħabta tal-ħdax il-pulizija ser tkun qed tressaq persuna akkużata bil-qtil ta’ Charlene Farrugia.
Sorsi viċin id-depot qalulna li l-eks sieħeb tagħha mistenni jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-qtil.