Beda l-proġett pilota li se jara lill-pulizija jkunu mgħammra b’body cams li se jiddefendu u jipprovdu evidenza ċara f’każ li jkun hemm attakki jew inċidenti li jkunu involuti fihom membri tal-korp.
Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà nazzjonali, Michael Farrugia qal li l-ewwel li se jkunu qed jużaw dawn il-body cams se jkunu l-pulizija tat-traffiku biex imbagħad jekk il-proġett ikun suċċess din l-inizjattiva tinfirex fuq iktar setturi fil-korp tal-pulizija.
Fi kliem il-Ministru Farrugia, dan se jkun qiegħed isir biex jipproteġi kemm lill-pubbliku għax tagħmel lill-korp aktar trasparenti u kontabbli f’xogħlu u lill-membri tal-korp għax tipproteġihom minn allegazzjonijiet foloz.
Il-Ministru Michael Farrugia qal “Nista’ nħabbar li beda l-proġett pilota tal-body cameras fejn ħa jkunu qed jintużaw l-ewwel mill-membri tal-korp tat-traffiku. Imbgħad eventwalment wara li nkunu għaddejna minn dan l-esperiment tagħhom, eventwalment inwessgħuh għal iktar membri tal-korp tal-pulizija, biex jgħinu anke fil-ħidma tagħhom kontra l-kriminalità. Iktar u iktar t’arrest ta’ persuni illi jkunu assoċjati jew ikun hemm suspett fuqhom ta’ parteċipazzjoni minn naħa tagħhom fil-kriminalità u hekk tkun tista’ tintuża bħala xhieda jekk hekk ikun hemm bżonn.”