L-Uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija ser jibdew jaħdmu ġimgħa ta’ erbgħin siegħa u mhux iżjed ta’ sitta u erbgħin siegħa fil-ġimgħa. Dan se jsir ġaladarba jiġi ffirmat il-ftehim settorjali li wasal fi tmiem li jiġi ffinalizzat. Ħabbar dan il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar waqt li kien qed jieħu sehem fuq il-programm coverage fuq ONE TV.
Minbarra dan qal li l-ftehim settorjali mistenni jinkludi wkoll xi zidiet fl-allowances li jingħataw il-Pulizija. Il-Kummissarju spjega kif dawk l-ufficjali lis-sezzjoni li jaħdmu fiha titlob li jaħdmu iżjed minn 40 siegħa fil-ġimgħa dawn se jitħallsu fuq bażi ta’ ‘overtime’.
Fl-istess programm il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ħabbar kif ix-xogħol dwar l-assigurazzjoni tal-Korp wasal fi stadju avvanzat ħafna. Il-Ministru Farrugia spjega kif din l-assigurazzjoni se taħdem b’ mod simili bħal dik privata, imma offruta mill-Gvern u tagħti kumpens għad-diżabilita li uffiċjal jista’ jġarrab waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kummissarju ddikjara kif wara li tressqu tliet akkużati l-qorti, il-Pulizija intensifikat l-investigazzjonijiet tagħha, dan sabiex issolvi l-kaz kompletament. Filfatt il-Kummissarju sostna li jemmen lill-Pulizija ser tasal biex isplvi dan il-kaz b’ mod komplet minkejja l-pressjoni u l-kritika li qed taqla’.
Is-Sur Cutajar ħabbar ukoll li fix-xhur li ġejjin se tinbidel l-unifromi tal-Pulizija kollha għal waħda iżjed komda u moderna, filwaqt li se jsiru erba’ Police Regional Hubs madwar Malta u Għawdex sabiex il-Poplu jkun moqdi aħjar daqs li kieku mar id-Depot.