Il-Kuntistabbli Simon Schembri se jkun l-ewwel pazjent li se jibbenefika mix-xogħol ta’ rinovar li sar fit-Taqsima tal-Prosteżi fil-bini tal-Isptar San Luqa.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne uffiċjalment inawgura x-xogħol ta’ rinovar fit-Taqsima tal-Prosteżi.
Fearne saħaq li dan il-unit se jibda jservi madwar ħmistax-il elf pazjent. Bis-saħħa ta din il-unit ħafna mix-xogħol fuq il-prosteżi se jibda jsir fil-laboratorji hawn Malta stess. Fearne żvela li wieħed mill-ewwel pazjenti li se jibbenefika minn din it-taqsima huwa l-kuntistabbli Simon Schembri li ftit tal-ġimgħa ilu tilef id wara attentat fuq ħajtu.
F’dan il-bini wieħed jista’ jsib l-aktar teknoloġiji moderni fil-qasam tal-prosteżi. Il-bini li qed jintuża kien il-hyperbaric Unit l-antika tal-isptar San Luqa.
Għal dan id-Dipartiment saret sħubija ma’ taqsima fl-Istati Uniti sabiex tkompli ttejjeb il-kura li qed jingħataw il-pazjenti li jkollhom bżonn dawn is-servizzi.
Stephen Zammit, il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Karen Grech qal li l-lista ta’ stennija għal dan is-servizz naqsu b’aktar minn 50% hekk kif issa s-servizz qed jingħata mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Dan ix-xogħol se jkun qed jikkumplimenta l-ħidma akuta tal-professjonisti li ssir fl-Isptar Mater Dei.
Fl-2013 dawk li kellhom bżonn prosteżi ħassewhom maqtugħa mis-soċjetà iżda issa provdejna servizz aħjar b’aktar dinjità. Dan kien kliem Nadine Delicata fejn kkwotat silta minn ġurnal lokali mis-sena 2013. Hija saħqet li issa standards u prattiċi tajbin saru l-prassi ta’ kuljum.