Ħadd ma weġġa’ f’serqa armata li seħħet ilbieraħ filgħaxija minn lukanda f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart minn lukanda fi Triq Windsor, meta żewġ persuni, lebsin crash helmet u wieħed minnhom allegatament kellu arma tan-nar, daħlu fil-lukanda u talbu l-flus lill-impjegat – Indjan ta’ disgħa u għoxrin sena li jgħix San Pawl il-Baħar.
Wara li tahom ammont ta’ flus kontanti li kien hemm fir-reception, il-ħallellin ordnaw lill-impjegat biex jeħodhom fis-sular fejn jinżammu l-flus u bdew jhedduh bl-arma tan-nar.
Kif kienu sejrin f’dan is-sular, ir-raġel irnexxielu jaħrab, issakkar f’kamra u ċempel għall-għajnuna.
L-allegat ħallelin, kif raw hekk ħarbu minn fuq il-post bil-flus li kienu serqu mir-reception. L-impjegat sofra minn xokk qawwi.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.