Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha, b’rabta ma’ każ ta’ vandaliżmu fuq il-kappella ta’ San Pawl Eremita, li tinsab f’Wied il-Għasel, fil-Mosta.
Dan wara li ttella’ ritratt fuq il-midja soċjali, li juru grafitti fuq il-ħitan ta’ din il-kappella antika u bi storja rikka.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ ONE News li r-rapport b’rabta ma’ dan il-każ, sar ilbieraħ filgħaxija, minn persuna li rat dan ir-ritratt fuq il-midja soċjali.
Intant, ONE News jinsab infurmat ukoll li huwa mistenni li jsir intervent ta’ tindif fuq din il-kappella, il-ġimgħa d-dieħla, mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.