Il-Pulizija qed tfittex tliet ħallelin li kienu nvoluti f’serqa li seħħet kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-sebgħa, fi Triq Karm Żerafa f’Birkirkara.
Fi stqarrija tal-Pulizija, ingħad li tlett irġiel mgħammda u armati b’armi tan-nar, daħlu f’garaxx li fih kien hemm raġel ta’ tlieta u ħamsin sena.
Jidher li l-aggressuri rabtu lir-raġel minn idejh, serqu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u ħarbu minn fuq il-post.
Tim mediku assista fil-garaxx biex jagħti l-għajnuna lir-raġel li kien qed isofri minn xokk.
Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-irġiel u l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali.