Il-Pulizija għadha qed tipprova tintraċċa l-persuna li ffilmjat l-attakk brutali minn grupp ta’ bouncers fuq Sudaniż f’Paceville, Lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Dan intqal hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Raild Gragjevi, wieħed mill-bouncers u li jinsab akkużat li weġġa’ gravi lis-Sudaniż. Fl-aħħar tas-seduta, Gragjevi kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Fis-seduta tal-lum tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Brian Xuereb fejn esebixxa żewġ filmati tal-inċident u li kienu ntbagħtu lis-sit Lovin’ Malta. Hawn intqal li l-Pulizja qed jipprovaw jaslu għal min ġibed il-filmat.
FIl-kontro-eżami, l-Ispettur qal li bagħat messaġġ online lil-Lovin’ Malta, li ma ġiex imwieġeb. Hawn l-avukati tal-akkużat stqarrew li, b’hekk, ma jistax jikkonferma jekk il-filmati kinux ġew editjati jew le.
Hu irrakkonta wkoll kif beda dan l-inċident fejn spjega li ftit qabel nofsillejl, il-vittma pprova jidħol fil-Havana, iżda ġie rrifjutat minħabba li ma weriex il-karta tal-identità. Hawn ir-raġel baqa’ jargument mal-uffiċjali tas-sigurtà li kellhom jimbottawh it-taraġ biex jagħmlu spazju għal persuni oħrajn.
L-Ispettur irrakkonta li, ftit wara nofsillejl, ir-raġel deher jirritorna ħdejn il-Havana jġorr flixkun tal-ħġieġ vojt fil-but ta’ wara tal-qalziet, li imbagħad ipprova jiftgħu lejn wieħed mill-uffiċjal tas-sigurtà.
L-allegat vittma, Sudaniż ta’ 30 sena kien ukoll tressaq il-Qorti akkużat li ta daqqiet ta’ flixkun u weġġa’ ħafif lill-bouncer meta seħħ l-inċident.