Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kkonferma li l-Korp tal-Pulizija qed jaħdem id f’id mal-Maġistrat Marseanne Farrugia li qed tmexxi l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ li wassal għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Maġistrat Farrugia, li nħatret bl-aktar mod trasparenti fuq il-każ, meta kienet hi l-Maġistrat tal-Għassa meta seħħ il-każ f’Diċembru li għadda, għandha l-għodda u r-riżorsi kollha meħtieġa biex tara li min għandu xi jwieġeb quddiem il-ġustizzja, jagħmel dan.
Il-Kummissarju spjega li hemm investigazzjonijiet għaddejjin immexxija mill-Maġistrat.
“Il-Maġistrat inkwirenti f’dan il-każ qabbdet esperti, tajjeb, il-Pulizija qed taħdem id f’id mal-Maġistrat Inkwirenti u bħalek aħna qed nistennew li kemm jista’ jkun malajr il-Maġistrat inkwirenti tagħlaq l-inkjesta tagħha.”
Angelo Gafa, Kummissarju tal-Pulizija
Fil-Parlament intalab vot dwar appell li anke tressaq mill-Gvern biex issir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia li miet wara t-tiġrif ta’ binja f’Kordin.
Appell għall-ġustizzja li fih qed jingħad li kull min hu responsabbli għall-mewt ta’ Sofia għandu jwieġeb quddiem il-Qrati kriminali u jew ċivili.
Intant il-midja tal-Partit Nazzjonalista neħħiet il-filmat u għamlet muntaġġ ġdid ta’ filmat li ppubblikat wara f’tentattiv li ma tħalliex jidhru l-ispjegazzjonijiet dettaljati tal-Kummissarju tal-Pulizija, b’Gafà kien diġà sostna li hu qiegħed jagħti t-tweġibiet bla problema ta’ xejn.
“Jekk hawn xi ħadd li hu assenti żgur mhuwiex jien, ġejt fuqek biex tistaqsini l-mistoqsijiet u qed inwieġeb kull mistoqsija li qed tagħmilli.”
Angelo Gafa, Kummissarju tal-Pulizija