Fl-aħħar sigħat, tliet anzjani laqgħu l-appelli riċenti tal-Pulizija u marru jagħmlu rapport li sfaw vittmi ta’ serq.
Dan f’eku ta’ każ fl-aħħar jiem li ra persuna titressaq il-Qorti b’akkużi ta’ numru ta’ serqiet, fosthom fuq anzjani.
L-Ispettur mit-Taqsima tar-Reati Vjolenti, Lydon Zammit spjega x’jinvolvu l-investigazzjonijiet f’każijiet fejn persuni jabbużaw mill-vulnerabbiltà u l-fiduċja li jagħtu l-anzjani.
Spjega, “Il-Pulizija meta tiġi avżata b’dawn il-każijiet, mill-ewwel tibda l-investigazzjoni tagħha billi nkellmu lill-vittma. Nibdew nieħdu l-informazzjoni mingħand il-vittma, ħafna drabi kif jidhru, kif kien l-inċident, x’intqal bejniethom u l-mod kif seħħ l-inċident meta daħal ġod-dar jekk l-inċident sar ġo dar.”
L-Ispettur spjega kif ħafna minn dan is-serq ikun tal-mument, meta xi ħadd li jkollu bżonn il-flus – ħafna drabi biex jissostanzja l-vizzju tad-droga, jara xi anzjani waħedhom u jisraqilhom oġġetti ta’ valur.
Madanakollu, il-Pulizija ma teskludix li f’ċertu każijiet, dak li jkun ikun ġabar xi informazzjoni fuq l-anzjani minn qabel.
Qal, “Rigward serq minn residenzi, jista’ jkun li dan ikun ġabar informazzjoni billi tkellem mal-vittmi sigħat jew ġranet qabel, forsi sema’ l-vittma titkellem f’xi ħwienet – ħafna drabi jkunu qed jiftħu qalbhom, eżempju xi anzjana tgħid li ħa ssajjar waħedha, hemmhekk jista’ jkun qiegħed preżenti u jkun ġabar dik l-informazzjoni.”
Fost l-aktar każijiet komuni hemm ta’ nies li taparsi jkunu qed ibiegħu l-biljetti, oħrajn jiġbru għall-missjoni, ikun hemm nies jagħmluha ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tas-Saħħa, oħrajn taparsi pustiera u saħansitra anki uffiċjali tal-Korp.
L-Ispettur appella biex l-anzjani ma jafdaw lil ħadd, u speċjalment ma jħallu lil ħadd jidħol f’darhom bla invit.
Spjega, “Jekk dan qed joffrili servizz ta’ biljetti jew xi oġġett ieħor, sakemm jiena mort inġib il-flus, għax ħafna drabi inti meta ftaħt il-bieb m’għandekx il-flus fuqek, ma nafdax il-bieb miftuħ għax hemmhekk ħafna drabi jkun il-mument li dan jieħu l-okkażjoni, seraq, telaq u ma rajtux iktar.”
Il-maġġoranza tal-vittmi jibżgħu jirrappurtaw u f’ċertu każijiet, l-ammont misruq ikun żgħir u dak li jkun ma jħossx li għandu jagħmel rapport.
Hu x’inhu l-każ, l-Ispettur appella biex dejjem isir rapport.
Qal, “Anzjani li jisfaw vittmi ta’ dawn il-każijiet għandhom jagħmlu rapport mal-Pulizija fl-eqreb għassa, jistgħu wkoll iċemplu 119 u hemmhekk isiru l-arranġamenti biex isir dak ir-rapport. Għaliex? Għax hemmhekk tkun qed tgħin lill-Pulizija biex iwaqqfu li dan ir-reat ikompli. Ħafna drabi dan ikun reat kontinwu, ta’ kuljum, il-bniedem ikun qed jagħmel reat wieħed wara l-ieħor, u bir-rapport tiegħek, forsi inti m’affettwatekx daqshekk ħażin, imma tkun qed twaqqaf milli jkollna iktar vittmi fil-futur.”