Meta l-Pulizija se tkun f’pożizzjoni li tista’ tressaq lil Abner Aquilina l-Qorti u tixlih bil-qtil ta’ Paulina Maria Dembska, il-Pulizija se jkollha wkoll xhud importanti li allegatament ra lil Aquilina fuq it-tfajla fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ ONE News li la darba Aquilina jitressaq il-Qorti imbagħad jibda l-istadju li jmiss fil-Qorti, dak tal-kumpilazzjoni u hemmhekk mistenni jixhed persuna li qed jingħad li lemaħ lil Abner Aquilina fuq il-Pollakka.
Aquilina huwa s-suspettat li stupra u qatel lit-tfajla billi fgaha.
L-istess sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ dan l-istazzjon li l-Pulizija mhiex wieqfa minkejja li l-interrogazzjonijiet fuq Aquilina huma sospiżi peress li dan ġie riferut minn tabib lejn l-isptar Monte Karmeli.
Se jkunu wkoll kruċjali għall-provi li se jitressqu l-Qorti, testijiet forensiċi li saru, li iżda r-riżultati tagħhom idumu ftit ma joħorġu u nifhmu li l-Pulizija qed tuża l-ħin sew waqt li Aquilina għalissa ma jistax jitressaq il-Qorti minħabba li jinsab rikoverat fi sptar għas-saħħa mentali.
Il-Pulizija qed tevalwa wkoll l-evidenza kollha li għandha f’idejha u jidher li għandha biżżejjed provi biex tixli lil Aquilina.
Il-Pulizija ġabret ukoll filmati minn cameras tas-sigurtà li hemm fl-inħawi tal-ġnien fejn instabet mejta Dembska.
Nifhmu li b’dawn il-filmati se jiġu stabbiliti l-movimenti tas-suspettat u anki l-aħħar movimenti tal-vittma.
Il-Pulizija hija konvinta li l-vittma u s-suspettat ma kinux jafu lil xulxin qabel.
Kruċjali wkoll għall-investigaturi mistenni jkun il-kliem li lissen is-suspettat meta kien qed jiġi invistat minn tabib fi klinika.
ONE News it-Tlieta żvela li ż-żagħżugħ t’għoxrin sena allegatament qal xi kelma b’rabta mal-qtil meta kien fi klinika.
Fil-fatt il-Pulizija bdiet tqis lil Aquilina bħala suspettat f’dan il-każ xħin kien fi klinika u lissen kelma b’rabta mal-qtil.
Sa qabel dak il-ħin, jiġifieri meta kien f’għassa tal-Pulizija wara li Aquilina allegatament qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta, il-Pulizija ma kellha l-ebda tagħrif li l-persuna li kienet f’idejha allegatament kienet marbuta mal-qtil ta’ Dembska.
Fuq Abner Aquilina miż-Żejtun ħarġu rapporti li kien jiffastidja bosta nisa fuq l-internet b’ċertu messaġġi fejn kien jistieden lin-nisa biex ikollhom x’jaqsmu miegħu sesswalment.
Saħansitra jingħad li ffastidja tifla t’14-il sena.
Il-messaġġi ppubblikati juru r-rispons iebes t’Aquilina meta t-tfajliet ma tawhx wiċċ.
Intant malli dawn iċ-chats ħarġu fil-beraħ, l-Ispettur tal-Pulizija mill-Iskwadra tal-Omiċidji Shawn Pawney tkellem mal-midja u qal li għand il-Pulizija ma daħlux rapporti fuq fastidju sesswali mis-suspettat.
L-Ispettur saħaq li l-Korp tal-Pulizija jinsab imħasseb bil-kontenut taċ-chats u talab biex isiru r-rapporti meħtieġa ħalli l-Pulizija tinvestiga.
Intant fi stqarrija, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza esprimiet is-swied il-qalb u r-rabja tagħha għall-femiċidju ta’ Paulina Dembska.