Antonino Ciavarello, li jiġi r-raġel tat-tifla tal-eks Kap tal-Mafja Sqalli, Toto Riina, tressaq il-Qorti biex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn l-Italja.
Dan wara li ġie arrestat mill-Pulizija Maltija wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, wara li nħarġu żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropew, fil-konfront tiegħu biex jiskonta żewġ sentenzi ta’ ħabs li flimkien jammontaw għal sentejn u tmien xhur ħabs.
Huwa ġie arrestat fil-Mosta, f’operazzjoni li saret minn diversi taqsimiet differenti tal-Pulizija, bil-kollaborazzjoni tal-Pulizija Taljana.
Hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Giannella Camilleri Busuttil, u ddikjara li kien jaf li kien hemm sentenzi fil-konfront tiegħu, imma ma kienx jaf li kien sentenzjat għall-ħabs.
Fl-awla, l-akkużat ma felaħx iqum bilwieqfa u deher liebes ħwejjeġ kollha trab, aċċetta li jiġi estradit lejn Sqallija.