Il-31 ta’ Marzu tal-2016.
Dan kien il-jum li fih is-Surġent Justin Spiteri ntlaqat b’tir fid-direzzjoni tiegħu f’residenza fil-Mosta. Dan wara li anzjana ta’ 72 sena għamlet rapport lil Pulizija li raġel ta’ 45 sena li kien qed joqgħod fid-dar tagħha ma riedx joħroġ ‘il barra.
Ir-raġel, li kien jabbuża mid-droga eroina, kien qed jgħix fir-residenza tagħha wara li talabha l-għajnuna għax qalilha li ma kellux saqaf fuq rasu.
Iżda l-id ta’ għajnuna ta’ din l-anzjana, ir-raġel wieġeb għaliha b’aggressività u theddid.
Aggressività li uża ukoll fuq is-Surġent Spiteri meta dakinhar kien għaddej fuq xogħlu biex jipproteġi lil din l-anzjana u l-kollegi tiegħu. Is-Surġent spjegalna x’ġara f’dan il-jum, jum li seta’ bidel għal kollox il-ħajja ta’ dan il-Pulizija.
Biex isalva ħajjet ir-raġel, is-Surġent Spiteri li huwa wkoll missier ta’ żewġt itfal poġġa ħajtu fil-periklu. Dan hekk kif f’azzjoni biex jipproteġi lil kollegi tiegħu, spiċċa vittma ta’ sparatura f’saqajh.
Mument li s-Surġent stqarr li minkejja li kien biss twil 30 sekonda, għalih kien mument li dam ħafna sigħat.
Mument li l-konsegwenzi tiegħu ma kinitx biss l-isparatura. Dan hekk kif l-aggressur kellu ukoll kundizzjoni li tittieħed u għalhekk l-Pulizija qatta’ 6 xhur jagħmel test wara l-ieħor fl-isptar biex jiġi stabbilit jekk ġiex infettat. Xhur li fihom ma setax jagħmel kuntatt fiżiku ma’ uliedu u ma’ martu. Xhur li dan il-missier iddeskriva bħala diffiċli ħafna.
Bil-Pulizija jistqarr magħna li dan il-każ llum użah biex jitgħallem u biex jagħmel deċiżjonijiet aktar bi ħsieb – biex ikompli jkun ta’ servizz għaċ-ċittadini kollha.
B’dan is-Surġent, li llum esperjenza l-qares li ġġib magħha l-unformi, laqà b’mod pożittiv il-ħidma parlamentari li għaddejja biex il-Pulizija jingħataw aktar protezzjoni.