L-uffiċjal Kurt Rizzo, li jifforma parti mill-Ispecial Intervention Unit, l-SIU, ġie sospiż mill-Korp tal-Pulizija wara li allegatament ittestja pożittiv għad-droga kokaina u li kien involut f’leaks ma’ traffikanti tad-droga.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/12/18123630/WhatsApp-Image-2024-12-18-at-12.35.19-PM-1024x576.jpeg)
Rizzo hu iben l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u, kif irrapportat fil-midja lokali, ukoll tal-fiduċja tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, li kull darba li tkun Malta dejjem titlob biex ikollha lilu bħala uffiċjal tas-sigurtà magħha.
Kif anke żvelat, Rizzo bħalissa jinsab fuq police bail u qed jiġi investigat, fost l-oħrajn, fuq reati kriminali serji, inkluż li jgħaddi informazzjoni sensittiva lil traffikanti tad-droga.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/12/18123637/WhatsApp-Image-2024-12-18-at-12.30.20-PM-1024x779.jpeg)
L-SIU, hi taqsima fi ħdan il-Korp, li tissejjaħ f’operazzjonijiet meqjusin delikati u anke hi responsabbli biex tipproteġi persuni distinti u dawk b’riskju fuq ħajjithom.
Ix-xahar li għadda, il-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 28 sena minn Ħal Qormi wkoll tressqet il-Qorti akkużata li, bħala membru fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, kienet qed tgħaddi informazzjoni sensittiva lil traffikanti tad-droga qabel jitwettqu rejds mill-Pulizija.
Warajha, ċertu Ruud Buhagiar ta’ tletin sena u li għandu negozju ta’ gym, tressaq il-Qorti mixli li kien xaħħam lis-Surġent Camilleri biex ikun jaf informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Minkejja dan għadu mhux magħruf jekk iż-żewġ każi humiex relatati ma’ xulxin.