“Il-pulizija ddikjaraw li jiena mhux qed niġi investigat fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”
Hekk sostna Dr. Joseph Muscat ftit wara li kien mitkellem fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija fejn spjega li l-mistoqsijiet li sarulu kienu dwar punti fir-rigward ta’ stqarrija li kien ta Yorgen Fenech fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li skont il-mezzi tax-xandir kienet ingħatat biss wara li kienet ġiet miċħuda talba għal maħfra li kien għamel Fenech.
L-eks Prim Ministru qal li l-punti li tqajjmu kienu prattikament kollha fid-dominju pubbliku u li diġà kien ċaħadhom fit-tweġibiet u stqarrijiet pubbliċi li ta.
Saħaq li l-Pulizija qed tagħmel xogħolha kif għamlet dejjem sakemm hu kien Prim Ministru.
Fakkar li meta kien Prim Ministru kien hemm żblokk importanti f’każ maġġuri, kuntrarju għal delitti kbar li saru qabel.
Qal li huwa jibqa’ lest li jagħti l-għajnuna li l-pulizija jkollha bżonn dwar dan il-każ.