Il-Ħadd tard waranofsinhar in-negozjant Yorgen Fenech reġa’ ġie arrestat sabiex jkompli jiġi interrogat mill-investigaturi fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li Fenech reġa’ qiegħed fil-kustodja tal-pulizija.
Dan wara li s-sibt wara nofsinhar kellha tieqaf ħesrem l-interrogazzjoni ma’ Yorgen Fenech b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, minħabba li ħass uġigħ u kellu jittieħed l-isptar.
Minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu huwa ittieħed l-isptar taħt il-kustodja tal-pulizija, u fuq rakkomandazzjoni tat-tabib l-investigaturi kellhom jagħtu ċans 24siegħa oħra sabiex ikellmuh.
Huwa ngħata l-police bail għal 24 siegħa, u matul illejl tas-Sibt u l-Ħadd filgħodu kien qiegħed fl-appartament tiegħu f’Portomaso, taħt sigurtà stretta mill-pulizija.
Il-Ħadd fit-3:30 ta’ waranofsinhar u reġa’ ġie arrestat għat-tielet darba f’ħamest ijiem mill-pulizija mill-appartament tiegħu f’Portomaso.
Minkejja li Yorgen Fenech ittieħed l-isptar, dan ma waqqafx lill-investigaturi milli jkomplu bl-investigazzjonijiet.
Fil-fatt, l-investigaturi użaw il-ħin sabiex ikomplu l-interrogazzjoni tagħhom mas-suspettat middleman, raġel ta’ 41 sena, u jkomplu jiġbru aktar evidenza.
F’dawn l-aħħar jiem fil-kwarieri ġenerali tal-pulizija, Yorgen Fenech bdew isurulu żewġ interrogazzjonijiet separati.
Huwa qed jiġi interrogat mill-Kap tal-iskwadra tal-omiċidji u l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ispettur Keith Arnaud, assistit mill-ispettur Kurt Zahra, b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Qed jiġi interrogat ukoll mill-Assistent Kummissarju Ian Abdila dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Nhar il-ġimgħa filgħodu, Yorgen Fenech deher fil-kustodja tal-pulizija fil-Marina ta’ Portomaso fejn bdew isiru xi tfittxijiet fuq il-jott li ġie arrestat fuqu l-Erbgħa filgħodu. Liema tfittxijiet irriżultaw fin-negattiv.
Jirriżulta li l-pulizija kienet ilha żżomm għajnejha fuq dan in-negozjant ewlieni għal numru ta’ ġimgħat.
Saħħansittra, bħala prekawżjoni l-pulizija kellha kontroll assolut fil-portijiet u fl-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta sabiex Yorgen Fenech ma jitlaqx mill-pajjiż.
Bl-Erbgħa kmieni filgħodu l-pulizija raw lil Fenech jitla fuq il-jott tiegħu u beda jsalpa ‘l barra mill-marina ta’ Portomaso.
Huwa ġie arrestat ftit minuti wara meta l-jott ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar viċin Pembroke, meta allegatament Yorgen Fenech prova joħroġ mill-pajjiż.