Kien kmieni dalgħodu meta l-Pulizija sabu raġel li deher b’xi ġrieħi f’wiċċu f’karozza f’Ħ’Attard.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tat-7:45, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa Triq l-Imdina, Ħ’Attard.
Għaldaqstant, il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn hemmhekk sabu raġel f’vettura li kien jidher li kellhu xi ġrieħi f’wiċċu. Minn stħarriġ preliminari li sar rriżulta li r-raġel li għandu 32 sena u residenti Ħad-Dingli kellhu argument ma’ persuna oħra u li din kienet telqet minn fuq il-post.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifakat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Minn iżjed investigazzjonijiet, il-Pulizija identifikat il-persuna l-oħra bħala raġel ta’ 51 sena residenti ġewwa Birkirkara, u qiegħed jiġi mitkellem mill-Pulizija.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.