Matul dan it-tmiem il-ġimgħa, uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità qed imexxu inizjattiva li għandha l-għan li tiżgura s-sigurtà tat-tfal li jattendu xi attività marbuta mal-Karnival fil-kapitali Maltija.
L-uffiċjali qed iqassmu brazzuletti tal-karti b’xejn fiż-żona ta’ Pjazza Kastilja, fil-Belt Valletta.
Fuq dawn il-brazzuletti, il-ġenituri jew adulti li jkunu mat-tfal, jistgħu jiktbu isimhom u n-numru tal-mowbajl tagħhom f’każ li ċ-ċkejknin jinfirdu minn magħhom fir-rassa waqt l-attivitajiet tal-Karnival, speċjalment għax f’dawn iż-żminijiet, il-Belt tkun miżgħuda bin-nies.
Is-Sibt filgħodu, fi Pjazza Kastilja, rajna lill-Pulizija jitkellmu mat-tfal u jħeġġuhom iżommu din il-brazzuletta fuqhom il-ħin kollu biex ikunu siguri huma, u jserrħu ras il-ġenituri tagħhom.
Tkellimna mas-Surġent Shaun Axiaq dwar din l-inizjattiva, organizzata mit-Tim tal-Pulizija fil-Komunità.
Stqarr, “Qegħdin nagħtu brazzuletta lill-ġenituri jew lil dawk li jkunu fil-kustodja tat-tfal, biex jiktbu l-mobile number flimkien mal-isem u l-kunjom u jweħħilha ma’ id it-tfal, biex f’każ li jintilfu dawn it-tfal u jsibhom xi ħadd, ikollhom dan il-kuntatt fejn jistgħu jikkuntattjawhom. Qegħdin nippruvaw nagħmluha fl-entratura tal-Karnival minn Pjazza Kastilja biex dawk li jkunu deħlin, jieħdu din l-inizjattiva magħhom biex ikunu aware ta’ dawn l-affarijiet.” 28
Din l-inizjattiva niżlet tajjeb ferm mal-ġenituri, li faħħruha minħabba s-sens ta’ serħan il-moħħ li toffrilhom fil-kuntest tas-sigurtà ta’ wliedhom.
Hawn qalu, “Ikun hawn ħafna rassa u hekk it-tfal ikunu iktar safe. Ma tafx x’jista’ jinqala’ u fl-istess ħin il-ġenituri u n-nanniet ikollhom moħħhom mistrieħ.”
“Inizjattiva tajba ħafna, proset lil min ħareġ biha għax it-tfal jintilfu malajr.”
Fl-isfond ta’ din l-inizjattiva, il-Pulizija għaddejjin ukoll b’kampanja edukattiva dwar is-serq li jista’ jseħħ f’attivitajiet tal-massa.
SHAUN AXIAQ
SURĠENT
“Qegħdin inqassmu wkoll flyers rigward is-serq minn fuq il-persuni. F’attivitajiet tal-massa jkun hawn iktar serq allura qegħdin nilqgħu minn qabel.” 09
Kull min jidħol il-Belt għall-Karnival bit-tfal huwa mħeġġeġ javviċina lill-Pulizija fi Pjazza Kastilja u jitlobhom brazzuletta, bil-għan li jiġu evitati aċċidenti bla bżonn.