Fi ftit inqas minn xahar, it-Taqsima tas-Cyber Crime tal-Pulizija, irċeviet medja ta’ għaxar rapporti kuljum fejn il-vittmi ġew iffrodati mijiet ta’ ewro.
Fil-fatt mill-aħħar ta’ April sa issa, kienu bosta li rċevew messaġġi qarrieqa li talbu dettallji tal-kont bankarju.
Is-Surġent Anthony Cassar fi ħdan it-Taqsima tas-Cyber Crime, spjega kif jaħdmu dawn it-tip ta’ frodi.
Cassar spjega, “Dal-aħħar daħlulna medja ta’ mitejn rapport mill-aħħar t’April s’issa fejn nies qed jirċievu SMS b’link fejn meta jmorru jagħfsu, dan ikun hemm tranżazzjoni mhux awtorizzata jew inkella li qed jistennew xi pakkett u jridu jħallsu somma ta’ flus żgħira biex dan jiġi pproċessat u kif dawn jaslu fuq dan il-link, jgħaddu t-tranżazzjoni mhux awtorizzata għal ammonti ta’ bejn tmien mija sa elf u tmien mija.”
Is-Surġent sostna kif il-kriminali qegħdin jilagħbuha ta’ diversi entitajiet, fosthom kumpaniji tal-posta bħall-MaltaPost u d-DHL, kif ukoll banek lokali u internazzjonali.
Skont informazzjoni li għandha f’idejha din it-taqsima, il-flus misruqa minn klijenti ta’ bank partikolari jlaħħqu s-sittin elf ewro, b’aktar banek mistennija jirrapportaw il-flus li nsterqu mingħand il-klijenti tagħhom.
Is-Surġent spjega kif it-Taqsima tas-Cyber Crime qed tagħmel dak kollu possibbli biex twaqqaf dawn it-tranżazzjonijiet.
Cassar irrimarka, “Aħna bħala Cyber Unit qed noffru assistenza teknika min-naħa tagħna lill-investigaturi distrettwali, kif ukoll għandna kuntatt ma’ banek lokali sabiex naraw kif se nimxu ’l quddiem u nsegwu x’inhu jiġri.”
Is-Surġent appella lill-pubbliku biex ikun viġilanti meta jirċievi messaġġi bħal dawn.
Hu sostna, “L-appell tagħna huwa li bniedem m’għandux jgħaġġel u jaqbad u jagħfas fuq il-link mill-ewwel iżda għandu jivverifika li dil-link li qed jirċievi fejn jista’ juża l-internett bħala sors ta’ informazzjoni u jiċċekkja fuq dil-link kif ukoll jiċċekkja l-midja soċjali ta’ dawn l-entitajiet lokali fejn se jsiru avviżi li ħarġu huma min-naħa tagħhom li hawn dan il-frodi għaddej.”
Mill-istħarriġ tas-Cyber Crime, l-ammonti li nġibdu jvarjaw minn tmien mitt ewro għal elf u tmien mija kull vittma, u l-ammont misruq sa issa jaqbeż il-mitt elf ewro.