Jeremie Camilleri, Malti-Franċiż ta’ 33 sena li jgħix Ħal Lija, inżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati għall-qtil volontarju ta’ Pelin Kaya.
Dan wara li, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa, waqt li kien qed isuq il-karozza tiegħu tat-tip BMW, tajjar u qatel lil Kaya, Torka ta’ 30 sena, waqt li kienet miexja fi Triq Testaferrata fl-Imsida. Minn investigazzjonjiet li saru nstab li kien taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol. Huwa daħal bil-karozza f’pompa tal-petrol u f’faċċata ta’ stabbiliment tal-ikel.
Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, li kien għall-ħabta tas-siegħa u għaxra tal-Erbgħa filgħodu meta daħlilhom rapport li vettura kienet baqgħet dieħla f’faċċata ta’ stabbilment u li persuna ntlaqtet fil-proċess. Spjegaw li r-rapport kien jgħid ukoll li l-istess xufier ħareġ mill-karozza u beda jaggredixxi lil dawk li kien hemm preżenti filwaqt li beda jwaddab il-ġebel.
Il-Prosekuzzjoni, magħmula mill-Ispetturi Keith Zahra u Shamus Woods, qed takkużah bi qtil volontarju, fost akkużi oħra.
Preżenti fil-Qorti kien hemm numru ta’ qraba tal-vittma, fosthom oħtha u z-ziju tagħha, li kienu viżibbilment emozzjonati filwaqt li l-akkużat deher fuq quddiem sorġut fuq bank jiċċassa b’għajnejh f’ħofra filwaqt li jilgħab b’subgħajh.
Il-Maġistrat Mifsud qasam il-ħsibijiet tiegħu, u qal li l-Qorti jiddispjaciha li, għal darb’oħra, hawn każ ieħor ta’ telf ta’ ħajja. Hu qal li jiddispjacih jara soċjetà maħsuda għax għad hawn persuni li jxerrdu l-kultura tal-mewt permezz ta’ affarijiet bħal alkoħol u sustanzi fosthom il-kokaina. Qal li llum is-soċjetà qed tbati l-konsegwenzi ta’ persuni li jinġarru mal-kurrent tal-vizzji.
Id-Difiża qalet li l-akkużat jinsab għaddej b’kura psikjatrika u talbet biex jintbagħat fis-sala forensika għal din ir-raġuni. Għal din it-talba l-Maġistrat qal li mhix il-prassi tal-Qorti li tibgħat lin-nies fis-sezzjoni forensika, iżda malli jintbagħat Kordin, jibda’ proċess biex tiġi stabbilita l-kundizzjoni tiegħu.
Spjega li, skont il-parir tal-professjonisti, id-Direttur tal-ħabs minn hemm jiddeċiedi f’liema sezzjoni jintbagħat. Il-Maġistrat xtaq jiċċara wkoll li s-sezzjoni tal-forensika mhix sezzjoni fl-isptar Monte Karmeli, iżda sezzjoni li tagħmel parti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Wara li ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, Camilleri nżamm arrestat. Il-każ se jkun qed jiġi assenjat għand Maġistrat ieħor biex jingħata bidu għall-kumpilazzjoni tal-provi.
L-għodwa ta’ nhar l-Erbgħa, wara li ttajret, Kaya ttieħdet dritt l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa iżda mietet kawża tal-ġrieħi li kienet ġarrbet. Hi kienet ilha taħdem Malta għal madwar sena u kellha titlef ħajjitha proprju f’jum għeluq sninha.
Intant quddiem il-bini tal-Qorti, il-qraba ta’ Kaya, minkejja li kienu mbikkma xtaqu jwasslu l-messaġġ tagħhom lill-pubbliku fejn qalu kif huma mhux qed ifittxu tpattija iżda li jridu ġustizzja.
Aġġornat skont il-ħin:
17:27 F’Awla 9, daħlu l-qraba tal-vittma, li jidhru viżibilment emozzjonati. L-avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard qed jidhru Parte Civile.
17:30 Fil-Qorti ntqal kif l-akkuzat, minkejja li ilu jgħix Malta għal numru ta’ snin, ma jitkellimx bil-Malti iżda jitkellem bl-Ingliż.
17:35 Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li hu laqa’ t-talba biex għall-każ tal-lum, il-Qorti nfetħet b’urġenza.
Il-Magistrat qal li l-Qorti jiddispjaciha li għal darb’oħra hawn każ ieħor ta’ telf ta’ ħajja. Hu qal li jiddispjacih jara soċjetà maħsuda għax għad hawn persuni li jxerrdu l-kultura tal-mewt permezz ta’ affarijiet bħal sustanzi, alkoħol u kokaina. Qal li illum is-soċjetà qed tbati l-konsegwenzi ta’ persuni li jinġarru mal-kurrent tal-vizzji.
17:42 Il-prosekuzzjoni spjegat li għall-ħabta tas-1:10am waslilha rapport li persuna baqgħet dieħla f’faċċata ta’ stabbilment tal-ikel bil-karozza, u konsegwenza ta’ hekk ittajret persuna. Ir-rapport kien ukoll li l-persuna kienet f’periklu li titlef ħajjitha u li r-raġel li kien qed isuq beda jaggredixxi lil dawk li kien hemm preżenti u jgara l-ġebel lill-vittma.
17:45 L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ qtil volontarju. Huwa kien taħt kura psikjatrika u l-Pulizija żammitu taħt osservazzjoni kostanti. Minħabba dan, qed issir talba biex jinżamm fis-sezzjoni forensika. Il-Maġistrat qal li mhix il-prassi tal-Qorti li tibgħat lin-nies fis-sezzjoni forensika, iżda malli jintbagħat Kordin, jibda’ proċess biex tiġi stabbilita l-kundizzjoni tiegħu. Id-Direttur jiddeċiedi jekk l-akkużat imurx f’dik is-sezzjoni, skont il-pariri tal-professjonisti. Il-Maġistrat iċċara li s-sezzjoni tal-forensic ward mhix sezzjoni fl-isptar Monte Karmeli, iżda sezzjoni f’Kordin.
17:52 L-akkużat inżamm arrestat. L-avukati difensuri tiegħu huma Alfred Abela u Rene Darmanin.