Il-Pulizija mistennija tressaq il-Qorti lil Abner Aquilina u tixlih bil-qtil ta’ Paulina Maria Dembska, Pollakka ta’ 29 sena.
Minkejja li l-interrogazzjonijiet ġew sospiżi wara li tabib li invista lis-suspettat bil-qtil irreferih għall-isptar Monte Karmeli, il-Pulizija għandha f’idejha biżżejjed provi xi tressaq quddiem il-Qorti u takkuża lil Aquilina bil-qtil tat-tfajla.
Ilbieraħ one.com.mt irrapporta li l-Pulizija bdiet tqis lil Aquilina bħala suspettat f’dan il-każ xħin kien fi klinika u lissen kelma b’rabta mal-qtil.
Sa qabel dak il-ħin, jiġifieri meta kien f’għassa tal-Pulizija wara li Aquilina allegatament qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta, il-Pulizija ma kellha l-ebda tagħrif li l-persuna li kien f’idejha allegatament kien marbut mal-qtil ta’ Dembska.
Fuq Abner Aquilina li jgħodd 20 sena miż-Żejtun ħarġu rapporti li kien jiffastidja bosta nisa fuq l-internet b’ċertu messaġġi fejn kien jistieden lin-nisa biex ikollhom x’jaqsmu miegħu sesswalment.
Saħansitra jingħad li ffastidja tifla t’14-il sena.
Malli dawn iċ-chats ħarġu fil-beraħ, l-Ispettur tal-Pulizija mill-Iskwadra tal-Omiċidji Shawn Pawney tkellem mal-midja u qal li għand il-Pulizija ma daħlux rapporti fuq fastidju sesswali mis-suspettat.
L-Ispettur saħaq li l-Korp tal-Pulizija jinsab imħasseb bil-kontenut taċ-chats u talab biex isiru r-rapporti meħtieġa ħalli l-Pulizija tinvestiga.
Intant awtopsja kkonfermat li Dembska mietet waqt li ġiet stuprata u fgata u nstabet mejta fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema fit-tieni jum tas-sena.