Biswit il-Parlament Malti, is-Sibt filgħodu, il-Korp tal-Pulizija mar qalb in-nies u l-komunità għal għan nobbli biex jinġabru l-fondi għall-Istrina.
Diversi sezzjonijiet fi ħdan il-Korp taw sehemhom f’din l-attività. Fost dawn insemmu l-Pulizija tal-Komunità, it-Taqsimiet taż-Żwiemel u tal-Klieb, membri tar-Rapid u tal-iSpecial Intervention Units, il-Victim Support Agency, membri tal-Forensika, is-Sezzjoni tat-Traffiku u l-Youths in Blue.
Michael Zahra, uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità stqarr magħna l-għan ta’ din l-attività.
Qal, “L-għan tal-attività hija li niġbru fondi għall-Istrina, kif qed taraw warajna hawn bħala Pulizija ningħaqdu ħafna sections u units flimkien u nagħmlu display tal-affarijiet tagħna ħalli anki ningaġġaw man-nies u jagħtuna donazzjoni għall-Istrina.”
Ma naqsitx il-presenza ta’ diversi stakeholders li jaħdmu mill-qrib mal-Pulizija matul is-sena kollha; bħall-Caritas, l-Aġenzija Żgħażagħ, il-YMCA Malta, is-CRPD, il-Voluntary Return Malta, l-FSWS u l-Aġenzija Sedqa.
Iltqajna mal-kantant u tabib Gianluca Bezzina li jaħdem mal-Aġenzija Sedqa.
Stqarr, “Illum jien qiegħed hawnhekk ma’ Sedqa, mal-prevention team għaliex jiena naħdem ma’ nies li jbatu minn problemi ta’ addictions, biex nilħqu l-komunitajiet. Il-prevenzjoni mhix qiegħda hemm għall-iskejjel, għat-tfal jew għan-nies fuq il-postijiet tax-xogħol biss imma qegħdin hawnhekk biex nilħqu kull aspett tal-komunità.”
F’din l-attività ħadu sehem ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’risq l-Istrina.