Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ikkonferma li l-Pulizija qed tinvestiga s-sejbiet tal-inkjesta Egrant. Dan qalu waqt ix-xhieda tiegħu fil-kawża dwar il-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant.
Quddiem l-Imħallef Robert Mangion, is-Sur Cutajar spjega kif il-Korp tal-Pulizija għandu kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant. Din l-inkjesta ta’ 1,500 paġna kienet intbagħtet lill-Assistent Kummisarju Ian Abdilla fil-21 ta’ Settembru li għadda.
Huwa reġa’ kkonferma li ħadd iktar fil-Korp m’għandu kopja sħiħa tal-inkjesta. Huwa spjega li hemm uffiċjali tal-Pulizija li għandhom parti mill-inkjesta għal-lok ta’ investigazzjoni madanakollu ħadd aktar ma għandu l-inkjesta sħiħa. Bħalissa hemm tliet Spetturi li qed jinvestigaw din l-inkjesta li ċċertifikat l-akbar gidba fil-konfront tal-Prim Ministru u familtu. Il-Kummissarju spjega li kull Spettur għandu żewġ persuni miegħu li huma Surġent u Kunstistabbli u ħadd aktar ma jkun parti mit-tim investigattiv.
Il-Kummissarju spjega wkoll kif f’din l-inkjesta l-Maġistrat Aaron Bugeja talab li ssir aktar investigazzjonijet għalekk il-perkors tax-xogħol tal-Pulizija għadhom mhux magħluqin.
It-tieni xhud, is-Sur Matthew Carbone, id-Deputat Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern spjega kif huwa sar jaf li l-inkjesta kienet saret pubblika fil-ħin li ġiet ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta mill-Avukat Ġenerali. Huwa spjega kif dakinhar li ġiet ppubblikata l-inkjesta huwa għamel kuntatt mal-meżżi tax-xandir kollha sabiex ikunu preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet. Taħt ġurament huwa kkonferma li kull ma ra huma l-konklużjonijiet li kienu għadhom kif ħarġu pubbliċi.
Mistoqsi jekk rax l-inkjesta b’għajnejh, is-Sur Carbone ċaħad u qal li ma daħalx fl-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-ħin li kien hemm l-inkjesta stampata fuq il-mejda. Wara li ġie mwiddeb għal diversi drabi mill-mħallef dwar l-atteġjament tiegħu max-xhud, l-avukat tal-Partit Nazzjonalista Vincent Galea staqsa lil Carbone jekk qatt għamel kuntatt mal-Partit Laburista dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, Carbone saħaq li dawn il-konklużjonijiet pubbliċi kienu fuq fomm kulħadd. Carbone saħaq li huwa ma qatt ma kkomunika maċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri dwar l-inkjesta Egrant għajr għall-konklużjonijiet tal-inkjesta li kienu pubbliċi. Taħt ġurament huwa reġa’ kkonferma x-xhieda li kien ta Kurt Farrugia ftit tal-ġimgħat ilu fejn qal li huwa ma kellux aċċess għall-kumplament tal-inkjesta.