Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Irrappurtat dan il-gazzetta The Times of Malta b’referenza għall-allegazzjonijiet li għamlet il-blogger Daphne Caruana Galizia fuq il-Kap Nazzjonalista lura f’Ġunju tal-2017.
Allegazzjonijiet li saru fl-eqqel tal-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u li kienu jallegaw li Delia daħħal aktar minn miljun ewro minn ċirku tal-prostituzzjoni f’Soho, Londra.
Dan permezz ta’ kont bankarju li kellu f’ismu f’Jersey u li fih suppost kienu qed jidħlu flus minn kirjiet ta’ proprjetajiet f’Londra.
L-istess gazzetta kwotat sors fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li qal li l-investigazzjonijiet kienu waqfu madankollu kelliem għall-pulizija issa qal li ma jistax jagħti informazzjoni għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
L-investigazzjoni bdiet wara li f’Marzu tal-2018 il-Pulizija rċeviet rapport investigattiv mill-Aġenzija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.
Rapport li rrakkomanda li tinfetaħ investigazzjoni kriminali dwar il-possibilità ta’ ħasil ta’ flus għal sidien Maltin ta’ żewġt ibriedel f’Soho u li allegatament jinvolvi lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Ir-rapport qal ukoll kif il-kont bankarju ta’ Delia kien qed jintuża bejn l-2001 u l-2004 u fih daħlu pagamenti suspettużi li kienu jvarjaw bejn 400 ewro u 16,000 ewro.
Fil-fatt kienu dawn id-diskrepanzi kbar fil-pagamenti li qajmu suspetti kbar hekk kif ma jurux li kienu ġejjin minn ħlas ta’ kirjiet stabbiliti kif kien ġie sostnut.
B’reazzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet serji fuq rasu Delia ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li ma kiser l-ebda liġi.
Madankollu huwa dejjem irrifjuta li jitlob investigazzjoni fuqu dwar dawn l-allegazzjonijiet u saħansitra rtira l-erba’ libelli li kien fetaħ lil Caruana Galizia malli nqatlet.
Saħanistra l-ex kap Nazzjonalista Simon Busuttil wasal biex qal li Delia ma kellux jikkontesta għall-Kap Nazzjonalista u dan Busuttil għamlu bl-appoġġ tal-Kunsill Amministrattiv.
Delia ma rtirax. Iżda, d-dubji li qajmet dwaru Daphne Caruana Galizia f’sajf tikteb fuqu baqgħu qatt ma ġew iċċarati.