Fi 3 snin ta’ investiment bla preċedent f’diversi taqsimiet fil-Korp tal-Pulizija s-sezzjoni tar-reati ekonomiċi rduppjat l-uffiċjali fi ħdanha.
Dan stqarru l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fejn fakkar li meta huwa laħaq Kummissarju 3 snin ilu, sab lil din l-iskwarda importanti, kellha biss 6 uffiċjali tal-Pulizija.
“Illum wara tliet snin u nofs din it-taqsima irduppjat, Assistent Kummissarju, tliet supretendenti,12-il investigatur. Ma waqafniex hawn u mhux se nieqfu hawn, sa nofs is-sena d-dieħla din it-taqsima se timxi għal post modern f’Santa Venera u ħa nibqgħu ninvestu fir-riżorsi ta’ din l-iskwadra.”
L-investiment kollu li sar sabiex tkompli tiġi mtejba l-ħidma tal-Pulizija wasslet ukoll għal riżultati importanti oħra. Fost dawn hemm li f’sentejn u xahrejn biss il-Pulizija rnexxielha tasal għall-mandant u l-eżekuturi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawnhekk Cutajar sostna li fis-skiet, il-Pulizija ħadmet qatigħ sabiex dawk kollha involuti jitressqu quddiem il-ġustizzja.
“Jiena fuq dan id-delitt nista’ ngħid li hemm proċeduri l-Qorti u s’issa ġiet ppreżentata evidenza l-Qorti. Barra l-każ il-Qorti hemm każjiet oħra in konnesjoni ma’ dan il-każ, hemm ukoll Inkjesta Maġisterjali għaddejja u iva nista’ nikkonferma li sal-lum għadna għadejjin bl-investigazzjoni, sal-lum għadna l-assistenza tal-EUROPOL u għadna qed niġbru evidenza li tista’ twassalna fejn nagħmlu aktar progress fuq il-każ. Ikun hemm il-pressjoni u ma jkunx hemm pressjoni l-ħidma tagħna se tibqa’ għaddejja b’mod normali kif dejjem imxiet.”
Madankollu huwa nnota b’dispjaċir li bil-kontra għal dak li ġara fil-każ ta’ Caruana Galizia, numru ta’ każijiet oħra kbar li seħħew fil-passat baqgħu ma ssolvew qatt.
“F’sentejn u xahrejn s’issa ressaqna 4 minn nies, il-Qorti. s’issa. Fil-passat kien hemm u dan ngħidu bid-dispjaċir jiena kien hemm reati ta’ ċerti portata. Mhux se nsemmihom li sal-ġurnata tal-lum ngħid sfortunatament u sfortunatament għalija u jien nistaqsi, kemm ir-riżenja ta’ Kummissarju ntalbet għax dawn it-tipi ta’ delitti, inkluż fi żmieni ma ġewx solvuti?”
Huwa rrimarka wkoll li d-distretti reġa’ bdiet tingħatalhom l-importanza li jixirqilhom u sostna kif sa ftit tax-xhur oħra għall-ewwel darba fl-istorja l-Pulizija kollha li jaħdmu fid-distrett se jkunu qed jagħmlu użu minn vetturi ġodda fjamanti u mhux rriċiklati minn taqsimiet oħra.