Sigħat wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Maġistrat inkwerenti bdew jiġu eżaminati mill-ewwel u għadhom għaddejjin b’mod intensiv.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet r-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant ġie riferut lill-Korp tal-Pulizija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali immedjament dakinhar stess li l-inkjesta ngħatatlu mill-Maġistrat Inkwerenti.
Fl-inkjesta tiegħu, il-Maġistrat Aaron Bugeja talab lill-pulizija biex tinvestiga fost oħrajn id-d-dokumenti ffalsifikati ppreżentati fl-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant li rriżulta li kienu ġew iffalsfikati.
Mill-inkjesta ħareġ fost fatti oħra li l-firem kienu ġew iffalsifikati. Dan ġie stabbilit wara analiżi minn kumpanija forensika Ingliża, bil-persuna li tagħha kienet tidher il-firma, Jacqueline Alexander, tiddikjara taħt ġurament li ma kinitx hi li ffirmat id-dokument.
Il-Pulizija qalet li r-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet kollha tal-inkjesta għadhom qegħdin jiġu investigati b’mod attiv mill-Pulizija nnifisha jew flimkien ma’ maġistrati oħrajn jew ma’ awtoritajiet oħra kompetenti.
Il-Pulizija qalet li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu fost oħrajn dawk li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjoni bejn Keith Schembri, Brian Tonna u Adrian Hillman, l-investigazzjoni tal-Bank Pilatus u dik dwar il-kumpanija 17 Black u r-relazzjoni tagħha ma’ Hearnville u Tillgate.
Il-Pulizija żiedet ukoll li flimkien ma’ aġenziji u awtoritajiet oħra qed tinvestiga rakkomondazzjonijiet oħrajn u diġà tkellmet ma’ numru ta’ persuni dwar dawn l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.
Qalet li waqt li tixtieq tagħti aktar dettalji dwar ix-xogħol li twettaq, dawn id-dettalji ma jistgħux jingħataw f’dan il-mument peress li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-investigazzjonijiet li għaddejjin u anke l-Pulizija ta’ Malta hija legalment marbuta bis-segretezza li ma tiżvelax tali dettalji.
Intant fi stqarrija separata, l-Uffiċċju tal-Avukat Penerali ċaħad rapporti fil-midja bl-Ingliż fejn ingħad li mhux il-konklużjoijiet kollha tar-rapport tal-inkjesta kienu ġew ippubblikati f’Lulju tas-sena li għaddiet.
Qal li dawn ir-rapport ma jsemmux li dakinhar tal-pubblikazzjoni, fi stqarrija uffiċjali l-uffiċċju tiegħu għamilha ċara li kien qed jippubblika l-konklużjonijiet prinċipali.
Qal li l-istqarrija kienet ukoll tat raġunijiet li għalihom il-pubblikazzjonijiet kienet ġiet limitata għall-konklużjonijiet ewlenin fosthom minħabba nies li m’għandhomx x’jaqsmu mal-ka’ u l-ħtieġa li jiġu mħarsa investigazzjonijiet oħrajn.
Fil-fatt stqarr li l-parti fl-inkjesta fejn tirreferi għal konklużjonijiet oħrajn jirrelataw ma’ investigazzjonijiet oħra.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/12/18/hareg-kemm-gidbu-fuqi-il-pm-wara-l-pubblikazzjoni-egrant/
http://www.one.com.mt/2019/12/18/egrant-ordnati-proceduri-kriminali-kontra-efimova-fuq-kalunja/