Il-Pulizija Franċiża arrestat raġel li kien se jipprova jsuq għal fuq folla biswit Moskea f’Pariġi.
Ħadd ma weġġa’ f’dik li setgħet kienet traġedja, li apparentament ġiet evitata wara li l-attentat tar-raġel kien imxekkel minħabba barriers li hemm imdawrin mal-Moskea.
Il-każ seħħ il-Ħamis filgħaxija, u aġenziji tal-aħbarijiet Franċiżi rrapurtaw li s-suspettat, li kien mill-Armenja, beda jsuq għal ġol-barriers imma ma rnexxilux jidħol iżjed ’il ġewwa. Sakemm imbagħad il-karozza bid-daqqiet waqfet u r-raġel telaq jiġri; fejn ftit wara kien arrestat.
Dan l-attentat sar fi sfond ta’ numru t’attakki fejn karozzi jsuqu għal fuq in-nies; b’ħafna minnhom jerfgħu r-responsabbiltà għalihom l-hekk imsejħa Militanti tal-Istat Iżlamiku.
F’Ġunju biss seħħew żewġ attakki ta’ dan it-tip f’Londra; xahrejn qabel f’April fi Stokkolma, xahar qabel ieħor f’Londra, f’Diċembru tas-sena l-oħra f’Berlin, u bħal daż-żmien sena f’Nizza fi Franza. Attakki li jekk tgħaqqadhom kollha flimkien, ħallew aktar minn mija u għaxar persuna bla ħajja, filwaqt li darbu erba’ mija oħra.