Il-pulizija fl-Arġentina qed tinvestiga lit-tabib ta’ Diego Armando Maradona, Dr. Leopolde Luque għall-possibiltà ta’ qtil tal-istilla tal-futbol. Maradona miet l-Erbgħa fl-età ta’ 60 sena b’attakk tal-qalb.
Madwar 30 pulizija fittxew fid-dar tat-tabib li għandu 39 sena, filwaqt madwar 20 uffiċjal ieħor fittxew fil-klinika privata ta’ Dr. Luque fil-kapitali Arġentina, Buenos Aires.
L-uffiċjali qalu li ħadu kompjuters, mowbajls u anke noti mediċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd, Dr. Luque mbikkem qal li għamel li seta’ sabiex salva l-ħajja ta’ sieħbu u qal kif dan l-aħħar, Maradona kien imdejjaq.