Investigazzjoni fil-Lvant ta’ Franza wasslet sabiex kienu arrestati 37 persuna ssuspettati li niżżlu mill-internet materjal ta’ pornografija fuq it-tfal u qassmuhom lill-ħaddieħor.
Aktar minn miljun ritratt u filmati ta’ pornografija fuq it-tfal instabu mill-pulizija bħala parti minn każ li ilu jiġi investigat minn Novembru.
Skont stqarrija tal-ġendarmerija fir-reġjun Franċiż ta’ Bourgogne-Franche-Comté, 270 uffiċjal tagħhom, li joperaw taħt l-armata Franċiża l-biċċa l-kbira f’villaġġi remoti u bliet żgħar, kienu qed jaħdmu fuq din l-investigazzjoni, fosthom 36 li jispeċċjalizzaw fis-cybercrime.
L-awtoritajiet ikkonfiskaw total ta’ 60 kompjuter, 290 hard drive, 27 telefown ċellulari, 8 tablets u 4 cameras. Armi u sustanzi llegali kienu wkoll misjuba f’erba’ lokalitajiet.
Operazzjoni simili kienet saret f’Marzu 2023 fejn sbatax-il persuna kienu ġew miżmuma għax allegatament kienu niżżlu mill-internet u qassmu materjal pornografiku li jinvolvi tfal.
F’Mejju tas-sena l-oħra Franza kienet irrevediet il-liġi dwar dan l-att kriminali fejn din issa tgħid li wara rapport tal-pulizija, siti onlajn għandhom ċans 24 siegħa sabiex ineħħu pornografija tat-tfal u li jekk dan ma jseħħx jistgħu jeħlu sa sena ħabs u multa ta’ €250,000 li tiżdied jekk din l-offiża tiġi repetuta.
Barra minn hekk websajts u pjattaformi tal-vidjows iridu jintroduċu sistema ta’ verifikazzjoni tal-età sabiex jassiguraw li materjal pornografiku ma jistax ikun aċċessibbli għal persuni taħt l-età.