Matul din is-sena, il-Pulizija mit-taqsima tat-traffiku mistennija tintensifika r-‘roadchecks’ fit-toroq Maltin.Fil-fatt matul din is-sena l-Pulizija mistennija tintensifika l-preżenza tagħha fit-toroq kemm bil-lejl u anke bin-nhar; u l-Korp mistenni jaddotta stil ġdid f’uħud minn dawn it-tfittixiet sabiex jilħaq standards Ewropej u se jaħdem id f’id ma’ Korpi tal-Pulizija Ewropej oħra.
Sostna dan l-Ispettur Pierguido Saliba meta ONE News segwa lejl ta’ ħidma mal-Pulizija tat-Traffiku.
Qal “Għandna l-‘Operation Enable’ fejn ħa niċċekjaw fuq il-‘Blue Badges’ li minn qed jużaha jagħmel dan b’mod tajjeb u li minn qed juża l-parkeġġi tagħhom jużahom sew. Hemm l-‘Operation Truck and Bus’ fejn se naraw u niċċekjaw trakkijiet u xarabankijiet li jkunu ta’ ċertu standard kif mixtieq. U l-‘Operation Safe Holidays’ li għandha x’taqsam mas-Sajf, fejn se naraw li minn ikun se jivjaġġa mhux għabba l-vettura żżejjed, u li l-passiġieri kollha għandhom ‘seat’ u ‘seatbelt’.”
Il-lejl ta’ ħidma tal-Pulizija beda b’ laqgħa mmexxija mill-Ispettur responsabbli fil-garaxx tal-Furjana. Minn hemm l-uffiċjali rħewla lejn postijiet strateġiċi, b’uħud minnhom jieqfu fid-daħla ewlenija tal-mekka tad-divertiment: Paceville.
Minnufih bdew iwaqqfu għadd ta’ karozzi u sabu għadd ta’ irregolaritajiet – xogħol li baqa’ għaddej anke jekk f’ħinijiet minnhom ix-xita u s-silġ bdew jippersistu.
L-Ispettur Saliba jispjega li l-iskop ewlieni ta’ dawn ir-‘roadchecks’ hu li l-Pulizija jkollha preżenza qawwija fit-toroq, u b’hekk isservi ta’ deterrent fost oħrajn biex dawk li joħorġu jiddevertu ma’ jabbużawx mix-xorb.
Fil-fatt il-Pulizija żżomm magħha għadd ta’ ‘breathilisers’ f’każi ta’ suspett ta’ persuni jsuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol.
L-Ispettur Saliba qal; “qed nippruvaw nilħqu għadd ta’ għanijiet b’dawn ir-‘roadchecks’ fosthom il-prevenzjoni. Il-fatt li qed tkun viżibli u preżenti allura bniedem jaħsibha darbtejn qabel ma jikser il-liġi fosthom fil-livell ta’ xorb, sewqan eċċessiv u anke drogi. Qed naraw li l-karozzi ma’ jkunx hemm affarijiet illegali fihom”.
L-Ispettur Saliba jgħid li din il-ħidma se tkun mifruxa madwar il-pajjiż kollu, inkluż f’Għawdex, f’jiem differenti tal-ġimgħa.
Qal li “Se jkunu b’mod studjat jiġifieri mhux biss tfaċċajna fi triq għax qomna filgħodu u għidna din it-triq. Iżda se naraw anke l-ammont ta’ inċidenti li qed issiru, anke skont investigazzjonijiet u ntelliġenza li se jkollna. Se naraw fejn l-iżjed dawn ir-‘roadchecks’ se jkunu l-aktar effettivi biex nassiguraw sigurta’ fit-toroq għal kulħadd.”
Intant waqt li l-Pulizija kienet għaddejja b’ħidmieta f’San Ġiljan, surġent tal-Pulizija lemaħ vettura mill-bogħod tagħmel ‘U-TURN’ malli rat il-Pulizija.
Għaldaqstant is-Surġent Norman Xuereb segwa l-vettura u waqqafha biswit l-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn sejjaħ għall-għajnuna tal-kollegi tiegħu minħabba li x-xufier allegatament irreżista lill-uffiċjal.
Irriżulta li fil-vettura kien hemm tliet irġiel barranin, u li x-xufier ma kellux tal-liċenzja tas-sewqan. Fil-fatt il-persuni ttieħdu fl-Għassa ta’ San Ġiljan fejn skattaw l-investigazzjonijiet.
Mhux eskluż li xi persuni jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin. ONE News huwa infurmat li wieħed mill-passiġġieri jinsab f’pajjiżna iktar milli permes bil-viża.