Kmieni l-Ħadd filgħodu, il-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali mis-Servizzi tad-Detenzjoni, wettqu rejd fi stabbiliment tal-akkomodazzjoni f’Buġibba.
Dan hekk kif komplew l-ispezzjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni.
Fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment ġew spezzjonati ’il fuq minn ħamsin persuna, li sbatax minnhom ġew arrestati biex eventwalment jibda immedjatament il-proċess tar-ritorn tagħhom.
Il-persuni li se jkunu ritornati huma mis-Sirja, mill-Pakistan, mill-Eġittu u mill-Ghana.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ se jkomplu.
Din hija parti mill-ħidma kontinwa ta’ spezzjonijiet u rondi fil-komunità bil-għan li titħares is-sigurtà ta’ kulħadd.
Fl-aħħar jiem, l-istess ħidma ħalliet ukoll riżultati u bħalissa hemm sebgħa u tletin persuna miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, bil-proċess tar-ritorn tagħhom huwa mibdi u jintemm fi ftit jiem.
Fost dawn hemm ħmistax-il immigrant li nstabu jgħixu b’mod illegali fl-inħawi ta’ Pembroke, Paceville u San Ġiljan, is-Sibt filgħodu.