Il-pulizija Brażiljana qalet li rnexxiela tinterċetta attakk bil-bombi li kien se jsir waqt il-kunċert ta’ Lady Gaga nhar is-Sibt li għadda f’Copacabana, Rio de Janeiro.
Id-Dipartiment tal-Pulizija Ċivili ta’ Rio de Janeiro flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja qalu li ż-żewġ suspettati allegatament risponsabbli mill-pjan, li wieħed minnhom huwa żagħżugħ, kienu arrestati. Qed jingħad li dawn sabu parteċipanti sabiex iwettqu diversi splużjonijiet b’bombi improvizzati fi pjan sabiex jiġbdu l-attenzjoni fuq il-mezzi soċjali.
Skont il-pulizija l-grupp li ppjana l-attakk kien qed iferrex ħafna diskors ta’ mibgħeda kontra tfal, addoloxxenti u l-komunità LGBTQ+. Ir-responsabbli kienu wkoll qed jippromwovu r-radikalizzazzjoni ta’ żgħażagħ inkluż biex iweġġgħu lilhom infushom.
L-allegat moħħ wara dan il-pjan kien arresstat għall-pussess illegali ta’ arma filwaqt li ż-żagħżugħ kien miżmum fuq pussess ta’ pornografija tat-tfal.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja qalu li s-suspettati kienu identifikaw lilhom infushom bħala segwaċi ta’ Lady Gaga magħrufa bħala ‘Little Monsters’. L-operazzjoni Fake Monster twettqet wara tagħrif miġbur mit-taqsima tal-intelliġenza tal-pulizija ta’ Rio li skoprew grupp onlajn iħeġġeġ il-vjolenza fost iż-żgħażagħ billi jitkellmu b’kodiċi u simboliżmu estrem.
Folla ta’ aktar minn żewġ miljun persuna attendew il-kunċert ta’ Lady Gaga li kien bla ħlas u ffinanzjat mill-belt f’attentat sabiex titqajjem l-ekonomija ta’ Rio de Janeiro.
Waqt il-kunċert kienet infurzata sigurtà massima b’5000 uffiċjal tal-pulizija, b’dawk kollha li attendew kellhom jgħaddu minn metal detectors filwaqt li ntużaw drones u cameras tal-għarfien.
L-organizzaturi tal-kunċert qalu li saru jafu b’dan l-attentat wara li spiċċa l-kunċert u qatt ma kellhom indikazzjoni dwar dak li kien qed iseħħ.