Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat tliet persuni wara sejba ta’ madwar 70 kilo droga kannabis.
Id-droga nstabet l-Erbgħa filgħaxija fuq dgħajsa li kienet dieħla fil-bajja tal-Għadira.
Fuq id-dgħajsa kien hemm żewġ irġiel Maltin u ieħor Taljan li ġew arrestati malli tniżżlu l-art.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li d-dgħajsa ddaħħlet qrib stabbiliment ewlieni fl-Għadira u immedjament bdiet tfittxija fuq id-dgħajsa fejn instabet id-droga ppakkjata lesta biex tiġi ttraffikata.
L-irġiel li l-identita’ tagħhom għadha mhix magħrufa ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Marseanne Farrugia LLD li ħattret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.