Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-droga għamlu qabda ta’ madwar 130 kilo droga suspettata ħaxixa tal-kannabis.
Il-qabda saret il-Ħamis filgħaxija f’garaxx fiż-Żejtun wara jiem ta’ osservazzjoni. one.com.mt jinsab infurmat li d-droga nstabet ippakjata f’żewġ vetturi pparkjati fl-istess garaxx. Is-sustanza kienet lesta sabiex tiġi t-traffikata.
B’rabta ma’ din is-sejba ġew arrestati żewġt irġiel Maltin ta’ 22 u 34 sena rispettivament residenti Bormla. Huma mistennija jitressqu l-Qorti fis-siegħat li ġejjin akkużati b’pussess aggravat tal-istess droga fost akkużi oħra.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr. Natasha Galea Sciberras li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.