Ilbieraħ, f’iżjed ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, assistiti mill-Pulizija tal-iSpecial Intervention Unit kif ukoll mill-Pulizija tat-Traffiku, għamlu rejd f’residenza fi Triq tas-Sliema, il-Gżira. Il-Pulizija għamlet dan ir-rejd wara li kellha informazzjoni li minn ġewwa din ir-residenza qiegħed issir abbuż u traffikar tad-droga f’diversi ħinijiet tal-ġurnata.
Waqt dan ir-rejd ġew arrestati tliet irġiel, li l-età tagħhom tvarja bejn 30 u 48 sena rispettivament, u huma residenti l-Gżira u tas-Sliema. Fuq il-pussess tal-irġiel, Il-Pulizija sabet qratas bi trab abjad u kannella allegatament droga kokaina u eroina. Fil-post instabu wkoll xi affarijiet oħra bħal mwieżen elettroniċi li jindikaw li d-droga misjuba kienet lesta biex tiġi traffikata.
Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Josette Demicoli LL.D fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-irġiel qiegħdin jinżammu arrestati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti b’arrest b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess ta’ droga aggravat.