Imkisser ċirku ta’ traffikar ta’ droga hekk kif kmieni s-Sibt waranofsinhar, saret qabda kbira ta’ 84 kilo droga ħaxixa tal-kannabis fejn ġew arrestati żewġt irġiel Maltin.
Kien wara iktar ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga assistiti mir-Rapid Intervention Unit, ilbieraħ waranofsinhar, twaqqaf raġel Malti waqt li kien qed isuq vann f’Santa Venera. Moħbija fl-istess vann kien hemm 84 kilo ta’ droga suspettata ħaxixa tal-kannabis li kienet lesta sabiex tiġi ttraffikata. L-istess droga nstabet moħbija f’xi ħwejjeġ li kienu f’xi għamara.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru mill-Pulizija, ġie arrestat raġel ieħor b’rabta mal-istess każ. Iż-żewġt irġiel għadhom qed jinżammu mill-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjoni li għadha għaddejja.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr N Cam illeri LL.D, ġie infurmat bis-sejba, ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
Mhux eskluż li ż-żewġt irġiel jitressqu b’arrest il-Qorti fis-sigħat li ġejjin, akkużati bl-importazzjoni u traffikar ta’ droga fost oħrajn, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.