Fit-tmienja ta’ dalgħodu, il-Pulizija sejħet konferenza tal-aħbarjiet fid-Depot il-Furjana.
Konferenza li se tkun qed tindirizza propju 48 siegħa wara li l-Pulizija arrestat raġel Koumbjan ta’ 43 sena b’rabta mas-sejba makabra ta’ raġel ieħor li nstab imqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema.
Dan filwaqt li ġie arrestat raġel ieħor ta’ 39 sena mill-Portugall li nstab fejn joqgħod il-Kolumbjan.
Il-vittma, li s’issa għadu mhux identifikat, ħlief li hu raġel barrani u għandu bejn erbgħin u ħamsin sena, instabulu aktar minn mitt kapsola bid-droga suspettata kokaina fl-istonku tiegħu.
It-Tnejn li għadda għall-ħabta tas-1:30 ta’ wara nofshinar il-Pulizija kienet sabet bagalja suspettuża fil-baħar ’il barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema li fiha kien hemm fdalijiet imqattgħin ta’ katavru.
Kien ONE NEWS li żvela a kif raġel, suspettat li kien involut fil-każ makabru, xtara mannara minn ħanut fin-Naxxar u li setgħet kienet l-arma tad-delitt.
Waqt li, għall-ewwel kien mifhum li nstabu biss ras ta’ persuna u l-parti ta’ fuq minn ġisimha, irriżulta li s-saqajn u l-idejn kienu wkoll fl-istess bagalja, imma midfunin taħt.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija u l-inkjesta maġisterjali f’dan il-każ għadhom għaddejjin.