Mara ta’ 36 sena ġiet arrestata b’rabta ma’ serqa li seħħet aktar kmieni llum minn residenza fil-Gżira.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-każ seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu fi Triq Giacint Tua.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-mara ħabtet fuq bieb ta’ appartament, allegatament armata b’sikkina u daħlet fir-residenza fejn dak il-ħin kien hemm raġel ieħor ta’ 28 sena min-Nepal.
Jirriżulta li l-persuna armata sakkret lir-raġel fil-gallarija u, wara li nsterqu diversi oġġetti, ħarbet minn fuq il-post.
Ingħad li ħadd ma weġġa’ f’din l-allegata serqa u l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni.