L-ispezzjonijiet ta’ kontrolli ta’ rutina tat-traffiku, bil-għan li jkun hawn toroq siguri, komplew anke matul tmiem din il-ġimgħa hekk kif inhi mistennija żieda fin-numru ta’ vetturi fit-toroq, speċjalment lejn Għawdex, minħabba l-karnival.
Fl-aħħar tlett ijiem, waqt dawn ir-roadchecks li saru kemm fl-akwati tal-bajja tal-Għadira kif ukoll f’Għawdex, twaqqfu mas-600 vettura fejn ġew spezzjonati għal xi irregolaritajiet.
Waqt li l-maġġoranza assoluta tas-sewwieqa kienu konformi mal-liġi, il-Pulizija ħarġet 37 taħrika, fosthom lil xufiera li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja valida tas-sewqan, użu ta’ mobile phone, kif ukoll vetturi li ma kellhomx liċenzja mwaħħla mal-windscreen.
Inħarġu wkoll 8 akkużi kriminali. Saru wkoll spezzjonijiet fir-rigward ta’ sewqan b’veloċità eċċessiva fejn inħarġu madwar 20 taħrika.
Dawn l-ispezzjonijiet ta’ rutina se jibqgħu għaddejjin matul il-jiem u ġimgħat illi ġejjin.