Il-Pulizija sparat u qatlet lill-allegat agressur f’kaftterija b’rabta mal-qtil taż-żewġ Żvediżi li sfaw maqtula t-Tnejn filgħaxija, f’attakk li qed jitqies bħala wieħed terroristiku.
Filmati li xxerrdu fuq il-midja Belġjana juru raġel armat b’arma tan-nar jispara fit-triq qabel imbagħad ġera wara persuni fi stazzjon fejn spara u qatel żewġ persuni.
Huwa mifhum li l-allegat qattiel huwa Tuneżin ta’ 45 sena u f’filmat li tefa’ hu stess fuq il-midja soċjali qal li ġie ispirat mill-istat Iżlamiku, magħruf aħjar bħala l-ISIS.
L-allegat qattiel, li fil-filmat jidher iwettaq id-delitt kiesaħ u biered, darab ukoll persuna oħra.
Il-Pulizija Belġjana kkonfermat li l-vittmi huma żewġ Żvediżi, li kienu lebsin flokkijiet tat-tim nazzjonali tal-futbol ta’ pajjiżhom.
It-Tnejn filgħaxija l-Iżvezja kienet qed tilgħab kontra l-Belġju fil-grawnd ta’ Heysel fi Brussell stess, tliet mili bogħod minn fejn seħħet l-isparatura. Il-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjoni EUFA EURO 2024 kellha tieqaf ħesrem.