Fi stqarrija dalgħodu, il-Pulizija appellat mill-ġdid għall-għajnuna tal-pubbliku bit-tama li jiġi solvut il-każ ta’ Christian Degabriele, bugħaddas li tilef ħajtu traġikament f’Awwisssu li għadda waqt li kien qed jogħdos u x’aktarx intlaqat minn opra tal-baħar f’San Pawl il-Baħar.
Degabriele ta’ 35 sena minn Ħal Għaxaq li kien surgent mal-Forzi Armati ta’ Malta, li kien ġie irrappurtat nieqes f’nofs Awwissu li għadda meta niżel jogħdos ma’ suldat ieħor fl-inħawi bejn ix-Xatt ta’ Buġibba u l-Gżejjer ta’ San Pawl.
Il-katavru ta’ Degabriele nstab 15-il siegħa wara f’operazzjoni mill-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
L-awtopsja ddeterminat li l-vittma miet kawża ta’ daqqa u minn hemmhekk il-Pulizija bdiet tinvestiga u nfetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Monica Vella.
Dan huwa t-tielet appell li qed isir mill-Pulizija u f’din l-istqarrija ntqal li kull min għandu xi informazzjoni rigward dan il-każ huwa mitlub jgħaddiha lill-Pulizija, anki b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21224001 jew 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.