Il-Pulizija qalet li qed tirċievi numru ta’ rapporti relatati ma’ metodu ġdid ta’ hacking fuq WhatsApp.
Din l-iscam ġdida qed issir fuq l-app popolari tal-messaġġi, WhatsApp, u tibda billi persuna tirċievi messaġġ mingħand xi ħadd li taf u jkun diġà ġie hacked.
Il-messaġġ jitlob biex jintbagħat kodiċi li tkun irċeviet il-persuna permezz ta’ SMS.
L-appell huwa biex ħadd ma jaqsam dan in-numru ma’ ħadd, u ċ-chats mingħand in-nies li jkunu ġew hacked, jiġu njorati.
Din l-iscam hija l-aktar waħda riċenti minn sensiela ta’ messaġġi qarrieqa li ilhom jintbagħtu s-snin, bil-għan li persuni jaqgħu għalihom u jintbagħtu d-dettalji li jintalbu biex jibagħtu.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà kien qal kif ir-rapporti ta’ frodi online lill-Pulizija żdiedu b’għaxar darbiet f’għaxar snin, bejn l-elfejn u ħdax u l-elfejn u wieħed u għoxrin.
Ġieli anki ntbagħtu e-mails qarrieqa f’isem il-Pulizija stess, biex dak li jkun jaħseb li qed jiġi kkuntattjat mill-Pulizija u jħossu obbligat li jwieġeb il-messaġġi jew l-emails lura.
L-appell tal-Pulizija huwa dejjem biex dawn il-messaġġi jiġu injorati u mħassra immedjatament.
Il-pubbliku jista’ dejjem jirrapporta dawn il-każijiet lis-sezzjoni tas-Cyber Crime tal-Pulizija, biex tingħata stampa aktar ċara ta’ kemm hemm każijiet ta’ kriminalità online.