Meta l-Ħamis 4 t’April in-Nutara Myriam Spiteri Debono tingħata l-ġurament tal-ħatra bħala l-11-il President tar-Repubblika, il-pubbliku Malti hu mħeġġeġ li jtella’ l-bnadar nazzjonali, waqt li jinġabar bi ħġaru fil-kapitali għaċ-ċerimonja statali li tilħaq il-kulminu tagħha fi Pjazza San Ġorġ quddiem il-Palazz tal-Gran Mastru.
Hawnhekk, fis-Sala tat-Tron, se tinżamm seduta speċjali tal-Parlament, ippreseduta mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li jmexxi ċ-ċerimonja tal-ħatra.
Bħala President innominata, Dr Spiteri Debono se titlaq mir-residenza privata tagħha, f’Birkirkara, għall-ħabta tad-9:15 ta’ filgħodu biex taqbad triqtha lejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għall-quddiesa solenni tal-okkażjoni, filwaqt li wara, flimkien ma’ żewġha, se timxi lejn il-Palazz tal-President, għall-ħabta tal-11:00.
Hawnhekk il-pubbliku qed jiġi mistieden jattendi biex isellem lil Dr Spiteri Debono ftit minuti qabel tieħu l-ġurament tal-ħatra għall-ħabta tal-12:15 ta’ waranofsinhar.
Wara li tiġi maħtura, il-President il-ġdida tagħmel l-ewwel indirizz tagħha bħala Kap tal-Istat, biex, imbagħad, toħroġ fil-gallarija tal-Palazz issellem lill-pubbliku preżenti għall-ħabta tas-12:40.
Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, u s-Sinjuri tagħhom, il-President tinżel fil-Pjazza stess fejn se tingħata s-salut nazzjonali u tispezzjona l-gwardja tal-unur għall-ewwel darba.
L-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta, se ssellem ukoll lill-President ġdida permezz ta’ flypast.
Iċ-ċerimonja tara t-tmiem tagħha bit-tqegħid ta’ kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra u d-daħla tal-President il-ġdid fil-Palazz ta’ San Anton, ir-residenza l-ġdida tagħha għas-snin li ġejjin.