Fuq is-sit tal-awtorità tal-ippjanar, it-Tlieta ġew ippubblikati sett ta’ linji gwida dwar it-tniġġis tad-dawl f’pajjiżna. Il-linji gwida huma miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika għal sitt ġimgħat.
F’miġra l-ferħa, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal kif dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jħarsu l-ambjent FOSTHOM l-inklużjoni ta’ żoni mudlama ta’ patrimonju f’Malta, simili għal dawk li jeżistu fuq Kemmuna u f’Għawdex.
Uħud minn dawn is-siti potenzjali jinsabu fil-Majjistral u fil-Punent ta’ pajjiżna u dawn iż-żoni mudlama jistgħu jipproteġu s-sema billejl.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba qal li flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ilhom sena jikkonsultaw biex ifasslu dawn il-proposti għal-linji gwida. Is-Sur Saliba qal illi permezz tagħhom, waqt il-proċess tal-ippjanar, se jkun qed jiġi studjat aħjar l-impatt li jħalli l-konsum tal-elettriku fuq l-ambjent tal-madwar.
Is-Sur Saliba spjega: “Hija gwida biex dak li jkun speċjalment u din ħa tkun indirizzata għall-profesjonisti, periti u inġiniera speċjalment biex ikollhom fuq xiex jimxu. Wieħed jista’ jistenna illi meta ħa nibdew niproġettaw dwal ma’ bini aħna nkunu nafu x’inhuma l-prattiċi tajbin u nafu x’inhuma l-prattiċi ħżiena.”
Michelle Piccinino, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, semmiet punt kruċjali għalfejn id-dawl, b’mod speċjali madwar il-kosta għandu jkun ikontrollat u dan għaliex dawl qawwi jista’ jfixkel ir-rotta ta’ speċi li jpassu minn fuq pajjiżna.
Hija sostniet: “Apparti dawn l-ispeċi, hemm impatt kbir li seħħ huwa meta dawn l-ispeċi ta’ bil-lejl, li ħafna minnhom huma insetti li minħabba ħafna dawl li jkun hawn dawn qed jonqsu b’mod drasstiku, u allura meta jonqsu dawn ikun qed jonqos ukoll il-fawna, jiġifieri l-pjanti, s-siġar. Dawk ukoll ikollhom impatt b’mod indirett.”
Il-Ministru Farrugia sostna li minkejja li d-dawl artifiċjali huwa kruċjali, dawl żejjed iħalli impatt negattiv kemm fuq il-ħajja tal-bniedem kif ukoll fuq l-ambjent rurali. Huwa semma’ kif linji gwida simili qed jiġu implimentati fl-Islovenja, fil-Kroazja, fi Spanja u fi Franza.
“Kien għalhekk li flimkien mal-awtoritajiet iddisinjajna dawn il-linji gwida kontra t-tniġġis tad-dawl illi permezz tagħhom inkunu qiegħdin norjentaw issa anke żvilupp ieħor ta’ kif wieħed għandu juża d-dawl fiż-żmien illi ġej”, qal il-Ministru Farrugia.