Wara l-laqgħat mal-imsieħba soċjali, il-laqgħat tal-Ministru tal-Finanzi għall-Budget 2018 komplew f’Għawdex.
Hemmhekk seta’ jisma’ l-proposti tal-pubbliku għall-budget għas-sena ddieħla bit-tema ‘Insaħħu l-Infrastruttura ta’ pajjiżna’.
Fost is-suġġerimenti li tpoġġew kien hemm it-talba għal vapur ieħor għall-Gozo Channel, konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer, u mistoqsijiet dwar l-iskola medika Barts, u kif Għawdex se jibbenefika min din l-inizjattiva u oħrajn li tnedew riċentement jew li hemm pjanati għall-ġejjieni.
Il-Ministru tal-Finanzi l-Profs. Edward Scicluna tkellem dwar it-tema magħżula għall-baġit; li se tinfluwenza l-ħidma tal-Gvern fl-elfejn u tmintax.
Irrimarka li dan huwa l-ewwel budget li qed jinħadem fi sfond ta’ surplus, u spjega wkoll il-viżjoni tal-Gvern dwar il-bżonnijiet tal-pajjiż, u kif qed jippjana li jwettaq il-wegħdiet tiegħu.
Wara din l-ewwel laqgħa mal-pubbliku f’Għawdex, il-laqgħa li jmiss se ssir fit-12 ta’ Settembru fis-19:00 fil-lukanda Excelsior fil-Furjana.
Dan biex iktar nies tkun tista’ titkellem direttament mal-Ministru responsabbli, u twassal il-ħsibijiet u suġġerimenti li jemmnu li għandhom ikunu fil-pjan tal-Gvern għas-sena li ġejja.