Għaxart ijiem wara li l-Gvern nieda diskussjoni nazzjonali dwar il-possibilità ta’ metro f’pajjiżna, mijiet ta’ Maltin diġà ħadu l-interess biex jiksbu informazzjoni dwar dan.
Żvela dan iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja f’kummenti li ta lil dan l-istazzjon, fejn spjega kif il-pubbliku qed jidħol fit-tinda li hemm il-Belt u b’għajnejh jara projezzjonijiet interattivi tal-proġett tal-metro.
Qal, “Ir-rispons huwa interessanti ħafna u l-aħħar rapport li għandi sal-bieraħ filgħaxija juri li qed ikun hemm medja ta’ mitejn u tmenin persuna li jiġu l-infocenter. Ħadu interess jiġu personali jaraw l-esebizzjoni u l-informazzjoni.”
Iċ-Chairman ta’ Transport Malta spjega kif min-naħa l-oħra, is-sit metro.mt, li fuqu hemm l-informazzjoni kollha, daħlu fuqha eluf ta’ nies.
Spjega, “Din il-website sal-bieraħ kellna aktar minn sittin elf view f’din il-website. Dak li xtaqna l-interess tal-poplu li jara u jifhem x’hemm. Naħseb qed jintlaħaq l-ineteress. Għandna interess li naraw in-nies fejn qed imorru, bil-maġġoranza ifittxu fuq ir-red line, segwita mill-blue line imbgħad il-green line.”
Kif spjegat, l-aktar sezzjoni popolari mal-pubbliku kienet dik ta’ mnejn qed jiġi propost li jgħaddu l-linji.
Intant jiem wara li l-Gvern ippubblika wkoll is-snin ta’ studji li għamlet il-kumpanija prominenti internazzjonali ARUP, Joseph Bugeja qal li hawnhekk ukoll in-nies ħadu l-interess.
Qal, “Interessanti ħafna wkoll li issa li l-awtorità ddeċidiet li tippubblika l-istudji tal-metro rajna again żieda fir-rispons.”