Fil-ġimgħa li jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għas-Servizz Pubbliku, il-Kap taċ-Ċivil f’pajjiżna ppreżenta mat-tletin pubblikazzjoni li ħareġ is-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin lill-Biblijoteka Nazzjonali, bil-għan li din il-ħidma tkun aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Dawn il-pubblikazzjonijiet jiffukaw fuq il-governanza u l-proċess ta’ tiġdid li sar fis-Servizz Pubbliku, b’mod partikolari fuq is-simplifikazzjoni tal-burokrazija, l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget u l-governanza t-tajba.
Għall-ewwel darba, ġie preżentat ukoll djarju bil-bullettini kollha li ħarġu fl-ewwel xhur tal-immaniġġjar tal-imxija tal-COVID-19 mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, li tinkludi pass pass x’sar mill-awtoritajiet fit-trażżin tal-pandemija.
Il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar, innota kif din il-kollezzjoni tixhed il-kontabilità li ddaħħlet fis-Servizz Pubbliku, li hi waħda mill-erba’ pilastri tal-kwalità fil-ħidma tas-Servizz Pubbliku.
Huwa stqarr: “L-għotja li għamilna llum lill-Biblijoteka Nazzjonali hija kollezzjoni tal-ħidma tas-Servizz Pubbliku matul it-tiġdid, matul l-imxija u ħidma oħra li saret fis-Servizz Pubbliku. Jekk wieħed iżur il-Biblijoteka jara diversi ħidmiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ qabilna fis-Servizz Pubbliku.”
Fil-Biblijoteka ġew esebiti wkoll l-ewwel rapporti tas-Servizz Pubbliku Malti li jmorru lura għas-sekli sbatax u tmintax.