Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista indirizza konferenza organizzata mit-Taqsima għall-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fl-okkażjoni ta’ Jum il-Protezzjoni tad-Data.
L-għan tal-konferenza kien li tingħata ħarsa lejn it-tmien xhur li għaddew f’temini ta’ implimentazzjoni ta’ proċeduri fil-kuntest tar-regolament li sar applikabbli fil-25 ta’ Mejju 2018 u l-ħidma tal-gvern biex ikun konformi għad-dispożizzjonijiet tiegħu.
Deo Debattista spjega li fl-irwol tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur għandu l-għan li jara li d-drittijiet taċ-ċittadini jkunu mħarsa u msaħħa skont l-iżviluppi u l-ħtiġijiet li jkun hemm fis-soċjetà u kif tenna fid-diskors tiegħu, “il-protezzjoni tad-data hi qasam b’rabta b’saħħitha mad-drittijiet tal-konsumatur.” Spjega li prattiċi tas-sigurtà tax-xogħol huma mħeġġa fl-aspetti kollha tan-negozji mhux l-inqas fl-ipproċessar ta’ data personali. Kompla jispjega li l-gvern qed f’sitwazzjoni partikolari ħafna fejn jidħol l-ipproċessar ta’ data minħabba li l-klijenti u l-konsumaturi tas-servizzi tiegħu huma obbligati jersqu lejn il-gvern għall-proċessi meħtieġa bil-liġi. Għalhekk, tenna li r-responsabbiltà tal-gvern hi ikbar u ma jistax jonqos milli jirrispetta d-drittijiet ta’ privatezza tal-konsumaturi u tal-klijenti tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari żied li “Kien għalhekk li fil-25 ta’ Mejju 2018, flimkien mal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, il-gvern għadda wkoll l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data bħala kapitlu ġdid li jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Flimkien ma’ dan l-att ġiet ukoll fis-seħħ leġiżlazzjoni sussidjarja meħtieġa kif mistenni mir-regolament.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla billi fakkar x’qed iseħħ bħalissa mill-Ministeru f’dan ir-rigward u ssemmew id-diskussjonijiet tar-Regolament hekk imsejjaħ “ePrivacy”. Spjega li “Dan ir-regolament qed jitwaqqaf bl-għan li jsaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà fis-Suq Uniku Diġitali billi jaġġorna l-qafas legali dwar il-Privatezza Elettronika. Filwaqt li l-GDPR tirregola l-ipproċessar ta’ “informazzjoni personali, ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika se jwassal regoli li l-organizzazzjonijiet għandhom isegwu meta jibagħtu materjal ta’ marketing jew jaġixxu ta’ trasmettituri fil-komunikazzjoni elettronika.”
Debattista spjega li fit-tmien xhur li għaddew kien hemm tisħiħ fl-implimentazzjoni tal-obbligi varji tal-kontrolluri fi ħdan il-gvern u semma fost l-oħrajn l-obbligu li l-kontrollur jinnotifika ksur tar-regolament lill-awtoritajiet superviżorji fi żmien stipulat u li fl-stess waqt jieħu passi immedjati biex jikkontrolla l-ħsara li setgħet tkun saret lis-suġġetti tad-data.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll minn uffiċjali tal-Kummissarjat għall-Informazzjoni u l-protezzjoni tad-data li taw ħarsa mill-qrib lejn l-esperjenzi li għaddew minnhom kontrolluri fl-obbligi ġodda tagħhom u mit-Taqsima għall-Protezzjoni tad-Data li fakkret lill-parteċipanti mistiedna fil-linji gwida li tfasslu minna għall-benefiċċju tal-uffiċjali kollha għall-protezzjoni tad-data.
Il-parteċipanti kellhom l-opportunità jindirizzaw il-mistoqsijiet tagħhom lill-esperti preżenti. Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi rringrazzja lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u lit-Taqsima ghall-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru għal ħidmiethom.
Attendew għal din il-konferenza l-uffiċjali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll Seamus Carroll, rappreżentant tal-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Gvern Irlandiż sabiex jaqsam mal-parteċipanti l-esperjenza Irlandiża fil-kuntest tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.